|
F' Ottubru tas-sena 1979, ħaddiema tal-Gvern li kienu
jaħdmu fid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali, qablu
li jiffurmaw grupp ta' talb bil-ħsieb li jibdew jiltaqgħu
flimkien waqt il-ħin tal-break. Żgur li dan
il-grupp żgħir ta' nies ma kellux f' moħħu
li dan il-grupp kien ser jibqa ħaj għal ħafna
snin wara.
L-idea li Ġesu' hu t-triq ewlenija li jwassalna għand
il-Missier, spirat lil dawn l-ewwel membri biex dan il-grupp,
li kien għadu kif twaqqaf, jibda jissejjaħ Grupp
it-Triq.
Wara ftit laqgħat il-grupp beda jorganizza b'mod regolari
u fil-ħin tal-break, attivitajiet spiritwali li
bihom bdew jinvolvu ruħhom mijiet ta' ħaddiema tal-Gvern.
Beda jiġi organizzat quddies fl-Ewwel Ġimgħa
tax-Xahar u l-Festi, qrar fil-post tax-xogħol, irtiri,
laqgħat ta' diskussjoni, kif ukoll Eżerċizzi tar-Randan.
Wieħed irid jgħid li f'dak iż-żmien l-attendenza
għal dawn l-attivitajiet kienet tkun tassew numeruza.
Illum, għalkemm il-grupp baqa' jorganizza dawn l-istess
attivitajiet, wieħed jinnota li l-attendenza naqset b'mod
konsiderevoli minħabba diversi raġunijiet.
Ħafna minn dawn l-attivitajiet dejjem saru fil-Knisja
ta' San Franġisk, il-Belt, u l-grupp iħossu grad
ħafna lejn il-Patrijiet Konventwali li dejjem kienu ta'
għajnuna u sapport għall-Grupp it-Triq.
Fi Frar 1980, il-grupp irnexxielu joħroġ
għall-ewwel darba, fuljett bl-isem IT-TRIQ. Dak in-nhar tqassmu
60 kopja fid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali. Il-fuljett baqa'
jitqassam b'xejn sal-lum fost ħaddiema tal-Gvern, f'diversi
Dipartimenti u fost ħbieb imxerrdin ma' Malta u Għawdex.
Illum, jitqassmu kull xahar 'l fuq minn 2000 kopja ta' IT-TRIQ.
Jidher li l-Mulej irid aktar minn dan il-grupp. Jidher li
l-Mulej irid li l-messaġġ li qed iwassal il-Grupp
it-Triq ma jinxteridx biss mal-ħaddiema tal-Gvern u l-ħbieb
iżda saħansitra jasal sat-truf kollha tal-art. Iva,
il-Grupp għadu kif kellu proposta mingħand il-kumpanija
Camline biex tittella' website b'informazzjoni dwar il-Grupp,
l-attivitajiet li jorganizza, xi fuljetti antiki ta' IT-TRIQ
kif ukoll xi materjal utli għal min jixtieq jgħix
il-messaġġ tal-Evanġelju.
Grazzi Mulej. Kompli użana lkoll biex inwassluk lil
oħrajn. Kompli għinna f'din IT-TRIQ li qbaddna.
|